Il-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri tal-UE jirriformaw il-politiki tat-taxxa u l-amministrazzjoni tad-dħul tagħhom sabiex jiġbru t-taxxi b’mod ġust, sostenibbli u effiċjenti. Tappoġġja wkoll lill-Istati Membri tal-UE fir-riforma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika u l-politiki tal-infiq tagħhom biex tinkiseb allokazzjoni effiċjenti tal-fondi pubbliċi.
Il-Kummissjoni tgħin ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri tal-UE jfasslu u jimplimentaw riformi istituzzjonali fiskali. L-awtoritajiet pubbliċi jinkludu ministeri tal-finanzi, aġenziji tad-dħul, amministrazzjonijiet tat-taxxa u tad-dwana, kunsilli fiskali, istituzzjonijiet supremi tal-awditjar u korpi delegati u indipendenti oħrajn. L-appoġġ tekniku huwa mfassal apposta u jkopri firxa wiesgħa ta’ suġġetti.
Aktar dwar il-proġetti tagħna >
Iddawnlowdja l-fuljett dwar l-Amministrazzjoni tad-dħul u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi >

Amministrazzjoni tad-dħul
L-awtoritajiet tad-dħul tal-Istati Membri tal-UE jinsabu taħt pressjoni biex jipprovdu aktar b’inqas. Fl-istess ħin, iridu jiżguraw deterrent effettiv għan-nuqqas ta’ konformità. Il-Kummissjoni tgħin lill-awtoritajiet tad-dħul itejbu l-funzjonijiet ewlenin tan-negozju u l-proċessi maniġerjali tagħhom. Billi jagħmlu dawn il-funzjonijiet u l-proċessi aktar effiċjenti u effettivi, l-awtoritajiet tad-dħul jistgħu jiżguraw dħul sostenibbli għall-gvern.
EŻEMPJI TA’ APPOĠĠ
- It-titjib tas-servizzi lill-kontribwenti.
- It-tisħiħ tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim.
- L-immodernizzar tal-proċessi, l-operazzjonijiet u l-għodod tal-ġbir tad-dejn.
- L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ oqfsa strateġiċi ta’ ppjanar u ġestjoni tal-prestazzjoni.
- It-trawwim tal-kontroll intern, il-ġestjoni tar-riskju organizzattiv u s-sigurtà tal-informazzjoni.
- It-titjib tal-proċessi tan-negozju u l-ġestjoni tal-proġetti u tal-bidla.

Il-Kummissjoni appoġġjat lill-awtoritajiet nazzjonali fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu aġenzija indipendenti għad-dħul pubbliku.
Konformità fiskali
It-tisħiħ tal-konformità mar-regoli tat-taxxa huwa komponent ewlieni tal-mobilizzazzjoni effettiva tar-riżorsi. L-awtoritajiet tad-dħul qed jiżviluppaw approċċi ġodda biex iżidu l-konformità volontarja, jimmaniġġjaw in-nonkonformità, jimminimizzaw il-kostijiet tal-konformità u jsaħħu l-fiduċja ġenerali fis-sistema tat-taxxa. Il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tekniku għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-ġestjoni tal-konformità.
EŻEMPJI TA’ APPOĠĠ
- It-titjib tal-ġestjoni tar-riskju u tal-istrateġiji tal-konformità.
- L-istabbiliment ta’ programmi kooperattivi ta’ konformità.
- Il-possibbiltà tal-implimentazzjoni ta’ approċċi ta’ mġiba.
- L-iżvilupp ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni.

Il-Kummissjoni qed tappoġġja lill-Belġju fil-fażi pilota ta’ Programm ta’ Konformità Fiskali kooperattiv.
Ippjanar aggressiv tat-taxxa, frodi u evażjoni tat-taxxa
It-trażżin tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa huwa prijorità tal-UE. Huwa essenzjali għas-salvagwardja tal-mobilizzazzjoni tad-dħul, l-iżgurar ta’ kondiviżjoni ġusta tal-piż tat-taxxa u l-evitar tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni toffri appoġġ għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmi biex tiġi evitata l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa permezz ta’ trasferiment transfruntier tal-profitt. Huwa pprovdut ukoll appoġġ għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji kontra l-frodi.
EŻEMPJI TA’ APPOĠĠ
- Il-bini tal-kapaċità għall-implimentazzjoni tal-pakkett tal-UE kontra l-evitar tat-taxxa u azzjonijiet ta’ erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt.
- It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji kontra l-frodi.
- L-indirizzar tal-frodi b’negozjant nieqes.
- L-appoġġ għall-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju tal-informazzjoni.

Il-Kummissjoni qed tappoġġja lill-Amministrazzjoni Nazzjonali Pollakka tad-Dħul fl-indirizzar tal-erożjoni tal-bażi tat-taxxa kkawżata mill-applikazzjoni mhux preċiża tar-regoli tal-ipprezzar tat-trasferiment.
Diġitalizzazzjoni tal-awtoritajiet tad-dħul
It-tkabbir rapidu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) jimponi sfidi għall-awtoritajiet tad-dħul biex ilaħħqu mal-aħħar żviluppi u xejriet. Id-diġitalizzazzjoni hija essenzjali biex jiġu pprovduti servizzi aħjar lill-kontribwenti, tiġi trattata aħjar il-big data u jiġu identifikati r-riskji. Hija importanti wkoll biex il-ġbir tad-dħul isir iktar effettiv u effiċjenti. Il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tekniku għat-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi tal-ICT fl-awtoritajiet tad-dħul.
EŻEMPJI TA’ APPOĠĠ
- L-iżvilupp ta’ strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni tal-ICT.
- It-tisħiħ tal-governanza u l-ġestjoni tad-data.
- L-abbozzar ta’ analiżi tan-negozju u speċifikazzjonijiet funzjonali.
- L-identifikazzjoni ta’ qafas ta’ finanzjament għall-investimenti fl-ICT.

Il-Kummissjoni qed tappoġġja lill-Ministeru Federali tal-Finanzi biex jimmodernizza u jiddiġitalizza s-sistema tad-dikjarazzjoni tat-taxxa fl-Awstrija.
Unjoni doganali
L-Unjoni Doganali hija importanti għall-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u għas-salvagwardja tal-ġbir ġust u trasparenti tad-dazji doganali u ta’ taxxi rilevanti oħrajn, bħas-sisa u t-taxxa fuq il-valur miżjud. Fl-istess ħin, hija tiżgura fluss bla xkiel tal-kummerċ internazzjonali bejn il-fruntieri tal-UE. Il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tekniku lill-awtoritajiet nazzjonali biex tgħin fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi doganali.
EŻEMPJI TA’ APPOĠĠ
- It-tfassil ta’ strateġiji għat-trasformazzjoni diġitali.
- L-immappjar ta’ soluzzjonijiet doganali diġitali għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ kunsinni ta’ kummerċ elettroniku.
- L-immodernizzar tal-għodod tal-ġestjoni tar-riskju.
- It-tfassil ta’ strateġiji kontra l-kuntrabandu u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni.

Il-Kummissjoni qed tappoġġja t-trasformazzjoni diġitali tal-proċessi ta’ ġestjoni tal-proġetti u ta’ ġestjoni tal-portafoll tal-proġetti tad-Dwana Finlandiża.
Politika tat-tassazzjoni
Politiki tat-taxxa tajbin jilħqu l-objettivi tad-dħul u jiżguraw li s-sistema tat-taxxa tappoġġja tkabbir ekwu, inklużiv u sostenibbli. Fl-istess ħin, huma joffru ċertezza legali u jimminimizzaw il-piż amministrattiv. Il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tekniku għat-tfassil u għall-abbozzar tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa u għall-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-bidliet fil-politiki tat-taxxa. Il-Kummissjoni tista’ tgħin ukoll fl-iżvilupp ta’ metodoloġiji għall-analiżi, is-simulazzjoni u t-tbassir tad-dħul.
EŻEMPJI TA’ APPOĠĠ
- Il-bini tal-kapaċitajiet għall-mikrosimulazzjonijiet u l-immudellar.
- Il-valutazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni fiskali.
- It-tfassil ta’ riformi ta’ tassazzjoni ekoloġika.
- L-iżvilupp ta’ metodoloġiji għall-istima tad-distakk fiskali.

Il-Kummissjoni qed tappoġġja lill-Kunsill għar-Responsabbiltà tal-Baġit fis-Slovakkja fl-immodernizzar tal-metodi ta’ mmudellar tagħhom għall-istima tal-effetti fiskali immedjati, ta’ mġiba u l-effetti aggregati ta’ inizjattivi potenzjali ta’ politika dwar it-taxxa u t-trasferiment.
Politika tan-nefqa
Fi żmien meta l-gvernijiet ikollhom jiffaċċjaw pressjoni akbar rigward l-infiq pubbliku, huwa saħansitra aktar kruċjali li tittejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Finanzi pubbliċi sodi jiżguraw li l-politika tan-nefqa tappoġġja t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u tippromwovi l-ekwità. Effiċjenza u effettività mtejbin tan-nefqa pubblika jgħinu biex itaffu r-restrizzjonijiet baġitarji. Il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ għat-tfassil, it-twettiq u l-istituzzjonalizzazzjoni tar-rieżamijiet tan-nefqa. Tappoġġja wkoll lill-Istati Membri tal-UE fit-titjib tal-prattiki u l-kapaċità fil-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tan-nefqa pubblika.
EŻEMPJI TA’ APPOĠĠ
- L-appoġġ għat-tfassil u t-twettiq tar-rieżamijiet tan-nefqa.
- L-għoti ta’ appoġġ għal allineament aħjar tar-rieżamijiet tan-nefqa mal-proċess baġitarju u ma’ għodod oħra ta’ ġestjoni tal-finanzjament pubbliku.
- Il-bini tal-kapaċitajiet u t-titjib tal-prattiki fl-evalwazzjoni tan-nefqa pubblika.

Il-Kummissjoni qed tappoġġja lill-Ministeru tal-Finanzi Estonjan fl-ambizzjoni tiegħu li jistituzzjonalizza l-użu tar-rieżamijiet tan-nefqa bħala għodda analitika biex tittejjeb l-effiċjenza fl-allokazzjoni tar-riżorsi pubbliċi.
Tħejjija u implimentazzjoni tal-baġit
Biex iġibu benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini, il-gvernijiet jeħtieġ li jippjanaw bir-reqqa l-baġits tagħhom u jimplimentawhom b’mod effiċjenti u f’waqtu. It-tħejjija tal-baġit hija kruċjali biex tinkiseb allokazzjoni tar-riżorsi li tirrifletti l-prijoritajiet tal-politika tan-nefqa. Sistema effiċjenti ta’ eżekuzzjoni tal-baġit tiżgura li l-fondi pubbliċi jintefqu kif suppost. Il-Kummissjoni tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jtejbu l-proċess baġitarju. L-appoġġ tekniku jiffoka fuq it-tisħiħ tal-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-qafas baġitarju fuq terminu medju. Il-Kummissjoni tgħin ukoll lill-Istati Membri tal-UE jtejbu l-prattiki tal-eżekuzzjoni tal-baġit.
EŻEMPJI TA’ APPOĠĠ
- It-tisħiħ tal-qafas tal-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni.
- It-titjib tal-oqfsa baġitarji ekoloġiċi, tal-ġeneru u oqfsa prijoritarji oħrajn.
- It-tisħiħ tal-qafas baġitarju fuq terminu medju.
- It-titjib tal-prattiki tal-eżekuzzjoni tal-baġit.

Il-Kummissjoni qed tappoġġja lill-Ministeru tal-Finanzi Kroat biex itejjeb il-kwalità tal-proċess ta’ tħejjija tal-baġit tal-istat.
Kontabbiltà u statistika tas-settur pubbliku
Prattiki ta’ kontabbiltà u rappurtar komprensivi, affidabbli u f’waqthom huma essenzjali għal statistika ta’ kwalità għolja. Dawn jgħinu lill-gvernijiet itejbu l-fehim tagħhom tal-pożizzjoni fiskali u l-prospetti tagħhom. Jipprovdu wkoll lil-leġiżlaturi, lis-swieq u liċ-ċittadini bl-informazzjoni li jeħtieġu biex jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji effiċjenti. Il-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri tal-UE jimmodernizzaw is-sistemi ta’ rappurtar fiskali tagħhom. Tipprovdi appoġġ tekniku għat-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi tal-kontabbiltà bbażata fuq id-dovuti f’konformità mal-Istandards Ewropej tal-Kontabbiltà tas-Settur Pubbliku u għat-titjib tal-kwalità tal-kontijiet nazzjonali.
EŻEMPJI TA’ APPOĠĠ
- L-appoġġ għat-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi tal-kontabbiltà bbażata fuq id-dovuti.
- It-titjib tal-kwalità tal-kontijiet nazzjonali.

Il-Kummissjoni qed tappoġġja lill-Irlanda fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ riforma tal-kontabbiltà pubblika.
Qafas makrofiskali
Qafas makrofiskali sod jippermetti lill-amministrazzjonijiet jistabbilixxu miri fiskali sostenibbli, jiddeterminaw l-għażliet ta’ politika, u jħejju projezzjonijiet realistiċi tan-nefqa. Il-Kummissjoni tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jsaħħu l-qafas makrofiskali tagħhom. Hija tipprovdi appoġġ tekniku biex itejbu t-tfassil u l-implimentazzjoni tar-regoli fiskali, isaħħu l-kwalità tat-tbassir makrofiskali, jiżviluppaw oqfsa ta’ ġestjoni tar-riskju fiskali u jevalwaw il-finanzi tal-gvern lokali.
EŻEMPJI TA’ APPOĠĠ
- Il-bini tal-kapaċità għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju fiskali.
- It-titjib tal-kwalità tat-tbassir makroekonomiku u fiskali.
- L-appoġġ għat-tfassil u l-implimentazzjoni tar-regoli dwar in-nefqa.
- It-titjib tal-prattiki fl-evalwazzjoni tan-nefqa pubblika tal-gvern lokali.

Il-Kummissjoni qed tappoġġja lill-Ministeru tal-Finanzi Daniż fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proċessi u metodoloġiji adegwati biex isaħħaħ il-governanza fir-rigward tar-riskji fiskali.
Sorveljanza tal-finanzi pubbliċi
L-istituzzjonijiet fiskali indipendenti u l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar huma kruċjali għall-promozzjoni tar-responsabbiltà fiskali u għat-titjib tal-kwalità tad-dibattitu dwar il-politika fiskali. Jagħmlu dan billi jipprovdu skrutinju indipendenti tal-politiki, tal-pjanijiet u tal-prestazzjoni fiskali. Il-Kummissjoni tgħin lil dawn l-istituzzjonijiet isaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali u tekniċi tagħhom u jtejbu s-sett ta’ strumenti disponibbli biex iwettqu l-mandat tagħhom.
EŻEMPJI TA’ APPOĠĠ
- It-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u tekniċi tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti.
- It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar.

Il-Kummissjoni se tappoġġja lill-Kunsill tad-Dixxiplina Fiskali tal-Latvja biex jagħmel evalwazzjoni indipendenti tal-prestazzjoni tiegħu.
Ġestjoni tad-dejn u tal-flus
Prattiki effettivi ta’ ġestjoni tad-dejn u tal-flus jiżguraw li l-infiq ikun iffinanzjat mingħajr xkiel matul is-sena, li l-objettivi ta’ politika jintlaħqu u li l-ħtiġijiet u l-obbligi ta’ finanzjament tal-gvern jintlaħqu bl-inqas spiża possibbli. Il-Kummissjoni tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jtejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-flus u tad-dejn tagħhom.
EŻEMPJI TA’ APPOĠĠ
- L-ottimizzazzjoni tal-proċessi u l-għodod tal-ġestjoni tal-flus.
- It-tisħiħ tal-operazzjonijiet tal-ġestjoni tad-dejn.

Il-Kummissjoni qed tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-funzjonament tal-Kont Uniku tat-Teżor tagħhom.
Dettalji ta’ kuntatt
Kap tal-Unità tal-Amministrazzjoni tad-dħul u l-ġestjoni finanzjarja pubblika
RIIKKA TORPPA
Punt ta’ kuntatt ewlieni għall-applikazzjoni għall-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku
reform-tsiec [dot] europa [dot] eu (REFORM-TSI[at]ec[dot]europa[dot]eu)
Aktar dettalji dwar il-ħidma relatata mal-amministrazzjoni tad-dħul u l-ġestjoni finanzjarja pubblika
REFORM-TAX-PFMec [dot] europa [dot] eu (REFORM-TAX-PFM[at]ec[dot]europa[dot]eu)
Skopri aktar