Mur għall-kontenut ewlieni
Reform Support

Kompetittività

Investiment u kummerċ barrani

L-investiment barrani u l-kummerċ fi prodotti u servizzi, kemm fl-UE kif ukoll ma’ pajjiżi mhux tal-UE, huma aspett prinċipali għall-kontribuzzjoni tal-prosperità. Filwaqt li l-UE hija l-mexxejja globali fil-kummerċ, xi Stati Membri għadhom lura fl-integrazzjoni tal-kummerċ u biex jattiraw investiment dirett barrani. L-Istati Membri jistgħu jieħdu azzjoni biex jaħsdu benefiċċji addizzjonali mis-suq uniku u mill-ktajjen tal-valur internazzjonali sabiex jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku u jagħtu spinta lill-impjiegi u t-tkabbir.

Eżempji ta’ appoġġ

  • It-tfassil ta’ soluzzjonijiet ta' single window diġitali għan-negozjanti li jinteraġixxu mal-awtoritajiet.
  • L-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni għar-reġjuni li għadhom lura sabiex jinħasdu l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni.
  • L-analiżi tal-ambjent regolatorju tal-Istati Membri, l-identifikazzjoni tal-ostakli u l-muturi tal-investiment u l-kummerċ dirett barrani, u t-titjib tal-kapaċità amministrattiva biex jiġi attirat l-investiment u tingħata spinta lill-kummerċ.
  • L-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni għall-introduzzjoni tal-intelliġenza artifiċjali għall-aġenziji tal-investiment u tal-kummerċ.

Regolamentazzjoni aħjar, liċenzjar u spezzjonijiet

Il-burokrazija u l-proċeduri li jieħdu ħafna ħin jagħmlu n-negozju għali u inċert. Ir-regolamentazzjoni aħjar hija dwar it-tfassil u l-evalwazzjoni tal-politiki u l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod trasparenti bl-evidenza u l-iżvilupp tal-politika filwaqt li jitqiesu l-fehmiet taċ-ċittadini, tan-negozji u ta’ partijiet ikkonċernati oħra. Għandha l-għan li tnaqqas il-burokrazija għan-negozji, inkluż permezz tas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ liċenzjar tal-investiment tagħhom u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ssimplifikati u bbażati fuq ir-riskju.

Eżempji ta’ appoġġ

  • Ir-rieżami, is-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-mekkaniżmi regolatorji.
  • L-appoġġ għall-istabbiliment ta’ ambjent regolatorju għal mudelli ta’ negozju kumplessi u innovattivi.
  • Il-bini tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet.
  • It-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni bi pjan direzzjonali ta’ miżuri.
  • Il-proposta ta’ bidliet istituzzjonali u strutturi ġodda ta’ governanza.
Flag of Portugal with sky

Tisħiħ tal-valutazzjoni tal-impatt regolatorju fil-Portugall

Il-Kummissjoni appoġġjat l-isforzi tal-Portugall biex itejjeb il-mod kif iħejji l-leġiżlazzjoni permezz tat-tisħiħ tas-sistema ta’ valutazzjoni tal-impatt regolatorju tiegħu. Valutazzjoni aħjar tal-impatt ta’ liġijiet ġodda għandha ttejjeb il-klima tan-negozju u tagħti spinta lill-investiment.

Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u setturi oħra

Il-bidu mill-ġdid ta’ attività ekonomika fis-setturi ekonomiċi kollha huwa importanti għal irkupru sostenibbli. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) għandhom rwol ċentrali fin-nisġa ekonomika tal-Unjoni Ewropea, billi jipprovdu tnejn minn kull tliet impjiegi. Fl-2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija ddedikata għall-SMEs, bl-għan li tnaqqas il-burokrazija u tgħin lill-SMEs jagħmlu negozju fis-suq uniku u lil hinn minnu. Politiki mfassla apposta f’setturi ekonomiċi prinċipali bħat-turiżmu se jipprovdu lill-Istati Membri b’opportunitajiet għall-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp reġjonali.

Eżempji ta’ appoġġ

  • L-iżvilupp tal-SMEs u ta’ strateġiji ta’ tkabbir reġjonali.
  • It-titjib tal-istandards ta’ ġestjoni fl-SMEs.
  • It-tfassil ta’ mekkaniżmi u għodod ta’ finanzjament għall-iżvilupp ta’ ekosistemi għan-negozji ġodda u d-diġitalizzazzjoni tal-SMEs.
  • It-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni biex jappoġġja l-industriji kreattivi.
  • Il-promozzjoni ta’ ġestjoni aħjar tad-destinazzjoni fil-qasam tat-turiżmu.

Kompetizzjoni u politika tal-konsumatur

F’ekonomija aktar globalizzata u diġitalizzata fejn isiru għadd kbir ta’ tranżazzjonijiet online jew permezz ta’ algoritmi tal-ipprezzar, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u tal-protezzjoni tal-konsumatur isibuha diffiċli biex iwettqu dmirijiethom permezz ta’ mezzi tradizzjonali. Bi tweġiba għal dan, l-Istati Membri tal-UE qed ifittxu programmi ta’ bini tal-kapaċitajiet imfassla apposta dwar it-tekniki l-aktar avvanzati fis-sorveljanza tas-suq, il-prattiki ta’ investigazzjoni, l-evalwazzjoni ex post u l-valutazzjoni tal-impatt. Qed ifittxu wkoll li jżidu l-isforzi tagħhom fil-monitoraġġ effettiv tal-għoti tal-għajnuna mill-Istat u fil-valutazzjoni tal-impatt ta’ din l-għajnuna fuq il-produttività, il-kompetizzjoni u l-ekonomija.

Eżempji ta’ appoġġ

  • It-titjib tas-sistema ta’ identifikazzjoni ta’ ksur tal-kompetizzjoni.
  • L-użu effettiv tal-għodod tal-IT fl-investigazzjonijiet tal-kompetizzjoni.
  • L-evalwazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur u l-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet.
  • It-twettiq ta’ valutazzjoni tal-impatt ta’ skemi ta’ għajnuna mill-Istat.
  • It-titjib tal-funzjonalitajiet tar-reġistri tal-għajnuna mill-Istat.

Ekonomija diġitali, riċerka u innovazzjoni

It-teknoloġiji diġitali għandhom impatt profond fuq il-mod kif ngħixu u nagħmlu n-negozju tagħna. L-Istati Membri jeħtieġ li jkollhom il-kapaċità li jaħsdu l-benefiċċji tas-soċjetà tagħna dejjem aktar diġitalizzata u jiffaċċjaw l-isfidi li ġġib magħha. Qed ifittxu li jfasslu politiki u jużaw soluzzjonijiet innovattivi biex in-negozji jingħataw il-fiduċja, il-kompetenzi u l-mezzi biex jiddiġitalizzaw u jikbru. Strateġija sistematika ta’ riċerka u innovazzjoni li tħares ’il quddiem hija kruċjali għal ekonomija aktar produttiva u ekoloġika.

Eżempji ta’ appoġġ

  • L-appoġġ tal-ekosistema tal-innovazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali, inkluża l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti.
  • It-tfassil ta’ għodod għat-trasferiment tat-teknoloġija, il-kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp u integrazzjoni aħjar fil-ktajjen tal-valur.
  • L-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali tan-negozji u l-iżvilupp ta’ għodod diġitali u pjattaformi ta’ servizzi għan-negozji.
  • Konsulenza dwar it-titjib tal-infrastruttura diġitali, inkluż l-iżvilupp ta’ Network ta’ Kapaċità Għolja Ħafna
  • Il-proposta ta’ soluzzjonijiet tekniċi u t-trasferiment tal-ħiliet għall-implimentazzjoni tal-Immudellar ta’ Informazzjoni dwar il-Bini (BIM) fl-ippjanar u fl-akkwist pubbliku tal-infrastruttura.
  • It-tfassil ta’ strateġija tal-industrija, pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha u mudell ta’ governanza għall-monitoraġġ tagħha.

Ġestjoni tal-investiment, sħubijiet pubbliċi-privati u intrapriżi tal-istat

L-investiment fl-Unjoni Ewropea għadu taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi finanzjarja. Kompla jiddgħajjef minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza toffri appoġġ finanzjarju fuq skala kbira għall-investiment u r-riformi. Sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ minnu u jagħtu spinta lill-produttività, lill-finanzi pubbliċi u lit-tkabbir, l-Istati Membri qed ifittxu modi biex itejbu l-ippjanar strateġiku u l-ġestjoni tar-riżorsi u l-assi pubbliċi tagħhom. Dan jinkludi t-tisħiħ tat-tfassil u tal-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ investiment pubbliku u sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) biex jiġi żgurat valur għall-flus kif ukoll biex tissaħħaħ il-governanza tal-intrapriżi tal-istat għal aktar effiċjenza, funzjonament aħjar tas-swieq u servizzi pubbliċi mtejba.

Eżempji ta’ appoġġ

  • It-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali għall-għażla u l-ġestjoni ta’ proġetti ta’ investiment pubbliċi.
  • Appoġġ għar-riforma tal-konċessjonijiet nazzjonali/oqfsa PPP u t-titjib tal-mudell tal-politika tal-PPP.
  • Titjib tal-kapaċità tal-awtoritajiet li jfasslu u jimmaniġġjaw il-proġetti PPP.
  • L-immodernizzar tal-qafas ta’ governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-Istat f'konformità ma’ prattiki tajba internazzjonali.

Dettalji ta’ kuntatt

Kap tal-Unità Tkabbir u ambjent tan-negozju

KASPAR RICHTER

Punt ta’ kuntatt ewlieni għall-applikazzjoni għall-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku

REFORM-TSIatec [dot] europa [dot] eu (REFORM-TSI[at]ec[dot]europa[dot]eu)

Aktar dettalji dwar il-ħidma relatata mat-tkabbir ekonomiku u l-ambjent tan-negozju

REFORM-03atec [dot] europa [dot] eu (REFORM-03[at]ec[dot]europa[dot]eu)

Skopri aktar