Skip to main content
Reform Support

Saħħa u kura fit-tul

It-tisħiħ tar-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa

It-tisħiħ tar-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa huwa objettiv ewlieni tar-riformi strutturali. F’dan il-qasam, il-Kummissjoni tinvolvi ruħha mal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, inklużi l-Ministeri tas-Saħħa, l-assiguraturi tas-saħħa u awtoritajiet oħra tas-saħħa pubblika fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti. Il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ fit-titjib tas-sistemi f’oqsma bħall-kura tas-saħħa transfruntiera, is-saħħa diġitali, il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa, il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa, il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa, il-mekkaniżmi ta’ finanzjament u ta’ rimborż, il-kwalità tal-kura, il-kura mentali, il-kura fit-tul u l-oqsma regolatorji biex tiġi appoġġjata industrija farmaċewtika kompetittiva u biex jitnaqqsu l-iskarsezzi tal-mediċini.

EŻEMPJI TA’ OQSMA TA’ APPOĠĠ

  • Aċċess għall-kura u kwalità tal-kura
  • Kura primarja
  • Kura fl-Isptar
  • Ħaddiema fis-settur tas-saħħa
  • Integrazzjoni tal-kura
  • Skarsezzi ta’ mediċini
  • Kura fit-tul
  • Saħħa mentali

Il-Kummissjoni appoġġjat lis-Slovenja f’erba’ oqsma strateġiċi ta’ riforma. Il-kollaborazzjoni bejn is-Slovenja u l-Kummissjoni Ewropea dwar oqsma ewlenin ta’ riforma ffaċilitat it-tħejjija u l-adozzjoni ta’ liġijiet u regolamenti.

Il-Kummissjoni tappoġġja lill-awtoritajiet tas-saħħa tal-Kroazja, taċ-Ċekja, tal-Estonja, tal-Irlanda, tal-Latvja, tal-Litwanja u tas-Slovenja fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistemi tas-saħħa tagħhom sabiex ikunu jistgħu jkomplu jtejbu l-effiċjenza tas-sistemi tas-saħħa tagħhom.

Diġitalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa

Id-diġitalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa hija waħda mill-prijoritajiet għat-trasformazzjoni tas-sistema tas-saħħa. Iċ-ċittadini għandu jkollhom aċċess sigur għad-data dwar is-saħħa tagħhom, anke bejn il-fruntieri. Iċ-ċittadini għandhom jingħataw is-setgħa li jużaw għodod diġitali biex jieħdu ħsieb saħħithom, jistimolaw il-prevenzjoni u jippermettu feedback u interazzjoni mal-fornituri tal-kura tas-saħħa. Għadd ta’ proġetti tas-saħħa li għaddejjin bħalissa fil-Kummissjoni huma marbutin mad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, bl-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali, mudelli ġodda ta’ governanza jew soluzzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà.

Il-miżuri ta’ appoġġ huma mistennija li jippermettu lill-awtoritajiet jistabbilixxu l-oqfsa strateġiċi, ta’ governanza u tekniċi biex jiggwidaw it-trasformazzjoni diġitali effiċjenti tas-sistemi tas-saħħa u l-investimenti fl-infrastruttura tas-saħħa diġitali.

EŻEMPJI TA’ OQSMA TA’ APPOĠĠ

  • Saħħa diġitali
  • Interoperabbiltà
  • Governanza diġitali
  • Telemediċina

Il-COVID-19 ippreżentat sfidi sinifikanti u enfasizzat ħafna dgħufijiet fis-sistemi tas-saħħa u tal-kura soċjali tal-pajjiżi madwar id-dinja.

Fil-15 ta’ Settembru 2020, il-Ministru tas-Saħħa tal-Kroazja u d-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni Ewropea tal-UE organizzaw sessjoni ta' ħidma “Nibnu strateġiji tas-saħħa elettronika li jistgħu jissopravivu matul il-kriżi” biex jaqsmu l-għarfien dwar kif tiġi żviluppata strateġija reżiljenti tas-saħħa elettronika għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027. Is-sessjoni ta' ħidma laqqgħet firxa wiesgħa ta’ esperti tas-saħħa diġitali mill-ministeri nazzjonali tas-saħħa, il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, u l-informatika.

Dan id-dokument jippreżenta diversi innovazzjonijiet fis-saħħa elettronika żviluppati u użati fil-livelli lokali u nazzjonali biex jgħinu jlaħħqu mal-pandemija dinjija tal-COVID-19 fir-rebbiegħa tal-2020 u jipprovdi għadd ta’ rakkomandazzjonijiet prattiċi u punti ta’ azzjoni lill-UE u lill-partijiet ikkonċernati nazzjonali.

Saħħa pubblika, prevenzjoni tal-mard u promozzjoni tas-saħħa

Is-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni tas-saħħa huma essenzjali għat-titjib tar-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa, b’mod partikolari iżda mhux biss fi żminijiet ta’ kriżi. Ħafna mard jista’ jiġi evitat u jista’ jiġi djanjostikat kmieni qabel ma pazjent ikun jeħtieġ trattament. Iċ-ċittadini għandhom jibbenefikaw minn politiki olistiċi tas-saħħa pubblika u jkollhom aċċess għall-prevenzjoni tal-mard u s-servizzi ta’ promozzjoni tas-saħħa.

Il-miżuri ta’ appoġġ huma mistennija li jippermettu lill-awtoritajiet jistabbilixxu l-oqfsa strateġiċi, ta’ governanza u tekniċi biex jiggwidaw it-trasformazzjoni effiċjenti tas-saħħa pubblika u l-politiki relatati li jippromwovu s-saħħa tajba u li jipprevjenu l-mard.

EŻEMPJI TA’ OQSMA TA’ APPOĠĠ

  • Saħħa pubblika
  • Reżistenza għall-antimikrobiċi
  • Mard li jittieħed
  • Ġenomika
  • Skrinjar tal-kanċer

Dettalji ta’ kuntatt

Punt ta’ kuntatt ewlieni għall-applikazzjoni għall-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku

REFORM-TSI@ec.europa.eu

Skopri aktar